WasteServ tikkonkludi l-akkwist ta’ impjant ta’ €75 miljun li se jittrasforma l-iskart organiku

WasteServ tikkonkludi l-akkwist ta’ impjant ta’ €75 miljun li se jittrasforma l-iskart organiku

Il-proċess ta’ akkwist għal impjant ġdid ta’ €75 miljun għall-ipproċessar tal-iskart organiku ġie konkluż b’suċċess, u b’hekk intlaħaq tragward importanti ieħor bħala parti mill-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart. 

Dan jirrappreżenta pass sinifikanti ieħor li se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, u nkiseb ġimgħa biss wara li tħabbru riżultati rekord fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli mill-iskart organiku. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal: “Nibqgħu impenjati bis-sħiħ biex nimmodernizzaw l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta u biex inkomplu nressqu ’l quddiem l-għanijiet ambjentali u ta’ sostenibbiltà tal-pajjiż. Dan l-investiment se jkompli jibni fuq l-isforzi kbar li qed jagħmlu l-familji u n-negozji fis-separazzjoni tal-iskart”. 

“Hekk kif l-iskart organiku laħaq livell rekord ta’ 30 miljun kilogramma fl-2025, dan huwa xhieda ċara li l-isforzi kollettivi tagħna verament qed jagħmlu differenza.” 

Imniedi f’Marzu tal-2025, il-proċess ta’ akkwist se jwassal għall-iżvilupp ta’ faċilità moderna u avvanzata, iddisinjata biex tlaħħaq mad-domanda fl-ipproċessar tal-iskart organiku li qed tiżdied. Matul l-ħames snin li għaddew, il-pajjiż irreġistra żieda kostanti fil-ġbir tal-iskart organiku, riżultat ukoll ta’ diversi inizjattivi meħuda minn dan il-Gvern. 

Ladarba l-impjant jibda jopera, fi żmien sentejn, se jkun kapaċi jipproċessa madwar 74,000 tunnellata ta’ skart organiku fis-sena. Dan il-materjal imbagħad jiġi kkonvertit f’enerġija rinnovabbli fil-forma ta’ elettriku, kif ukoll f’kompost ta’ kwalità għolja, li se jkompli jmexxi lill-pajjiż lejn ekonomija aktar ċirkolari. 

WasteServ diġà topera faċilità li tikkonverti l-iskart organiku f’enerġija rinnovabbli u f’kompost, u bħalissa qed tiġġenera biżżejjed enerġija biex tipprovdi l-elettriku lil madwar 1,200 familja għal sena sħiħa. 

L-impjant il-ġdid se jżid b’mod sinifikanti din il-kapaċità, u b’hekk tiżdied b’mod sostanzjali kemm il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll il-produzzjoni tal-kompost. 

Minbarra l-prestazzjoni operattiva, ingħatat importanza kbira lid-disinn tal-impjant, li ġie mfassal biex jintegra sewwa mal-ambjent tal-madwar. Il-proġett jinkludi blokka amministrattiva u laboratorju ddedikat, li se jkomplu jsaħħu l-kapaċità ta’ WasteServ biex tkompli topera skont l-ogħla standards ambjentali u regolatorji. 

Il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, b’kontribuzzjoni ta’ madwar €45 miljun.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200