Membru Parlamentari tat impressjoni falza dwar it-Thermal Treatment Facility  proposta – Kummissarju

Membru Parlamentari tat impressjoni falza dwar it-Thermal Treatment Facility proposta – Kummissarju

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li l-Membru Parlamentari  Claudette Buttigieg tat impressjoni falza dwar dak li jiddikjara studju uffiċjali relatat  mat-Thermal Treatment Facility (TTF) proposta fil-Magħtab. 

Din il-konklużjoni waslet wara lment ippreżentat mill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ,  Richard Bilocca, dwar dikjarazzjonijiet magħmula mill-Onorevoli Buttigieg f’diskors  mogħti f’Mejju li għadda. 

Il-Kummissarju kkonkluda li, filwaqt li l-istudju janalizza l-impatt tal-impjant fuq il-kwalità tal-arja fil-lokalitajiet fil-qrib u jsib li ftit li xejn se jkollu impatt, l-Onorevoli  Buttigieg ippreżentat din l-informazzjoni b’mod qarrieqi. 

Il-Kummissarju qal: ‘L-istudju jsib li l-impjant se jkollu ftit li xejn impatt fuq il-kwalità  tal-arja f’dawn il-lokalitajiet. Mill-banda l-oħra, l-Onor. Buttigieg donnha ħadet is-sempliċi fatt li dawn il-lokalitajiet jissemmew fl-istudju bħala konferma li se jiġu affettwati ħażin. Intenzjonalment jew le, hi tat stampa falza ta’ dak li jgħid l-istudju.’ 

Fid-diskors tagħha, l-Onorevoli Buttigieg sostniet li l-lokalitajiet kollha f’raġġ ta’ sitt kilometri mis-sit propost “se jiġu affettwati”, filwaqt li attribwiet din il-konklużjoni lill-istudju. Hija inkludiet ukoll lill-Belt Valletta fost il-lokalitajiet affettwati, minkejja li din il-lokalità taqa’ barra miż-żona vvalutata u ma ssemmietx fl-istudju. 

Il-Kummissarju sab li l-Onorevoli Buttigieg irreferiet għal lokalitajiet imsemmija fl-istudju bħala prova li dawn se jiġu affettwati ħażin, u b’hekk tat impressjoni falza tal-konklużjonijiet tal-istudju. Filwaqt li l-Membri Parlamentari huma intitolati bis-sħiħ li jeżaminaw u jistaqsu dwar studji kkummissjonati minn entitajiet governattivi, l-Kummissarju enfasizza li hemm  distinzjoni ċara bejn li tqajjem tħassib leġittimu u li tirrappreżenta ħażin dak li fil-fatt jgħid studju. 

Il-konklużjoni tal-Kummissarju isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ WasteServ li stqarrijiet  qarrieqa dwar il-Proġett ECOHIVE u t-TTF ikkontribwew biex jallarmaw lill-pubbliku bla bżonn. WasteServ sostniet b’mod konsistenti li studji indipendenti, inkluż il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali li għaddejja bħalissa, juru li l-faċilità mhux se  jkollha impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja u se twassal għal benefiċċji ambjentali  netti għal Malta.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200