Il-proġett ta’ restawr f’Ġnien Romeo Romano, immexxi minn GreenServ, fergħa ta’ WasteServ, qed jittrasforma binja storika magħrufa bħala ir-razzett sabiex din tinbidel f’ċentru edukattiv li se jżid l-għarfien ambjentali.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca żaru s-sit biex jaraw l-progress li sar sa issa.
“Ir-restawr ta’ dan il-bini storiku, appoġġat minn investiment ta’ €685,000, imur lill’hinn mill-preservazzjoni ta’ dan il-wirt storiku. Qed niżguraw li dan il-proġett iħaddan l-aspett edukattiv, is-sostenibbiltà u l-inklussività filwaqt li se nkunu qed niftħu parti oħra minn dan il-ġnien li qabel ma kienitx aċċessibbli għall-pubbliku. Irrid nara aktar tfal joħorġu jitgħallmu fil-ġonna tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega li, “B’ dan il-proġett, qed naraw li nipproteġu l-wirt tagħna u fl-istess waqt nagħmluh aċċessibbli għall-bżonnijiet tal-lum. Qed inżommu wkoll mal-għan ewlieni tagħna favur is-sostenibbiltà billi nużaw materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw u li jistgħu jiġu riċiklati biex innaqqsu l-iskart u nippromwovu ekonomija ċirkolari.”
Is-sostenibbiltà tibqa’ fil-qalba ta’ dan il-proġett. Hekk kif dan ir-restawr iħaddan l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija billi jimmassimizza d-dawl naturali u jnaqqas id-dipendenza fuq sorsi ta’ dawl artifiċjali. Barra minn hekk, hemm ippjanat roof garden li se jkun qed jtejjeb l-insulazzjoni filwaqt li jnaqqas ukoll il-konsum tal-enerġija. Bħala parti minn dan il-proġett, se jkun qed jiġi restawrat ukoll bir eżistenti biex isir parti minn sistema sostenibbli għall-ħażna tal-ilma tax-xita għat-tisqija.
Aspett ewlieni tal-proġett huwa l-aċċessibbiltà. Permezz ta’ lift, livellar tal-pjan terran, u pjattaforma fl-ewwel sular, dan il-proġett se jkun qed jiżgura li din il-binja tkun aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li kull intervent jikkumplimenta l-istruttura eżistenti.
Ir-restawr mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena biex imbagħad ikun jista’ jgħaddi għand EkoSkola biex jintuża bħala ċentru edukattiv għat-tfal. Dan se jipprovdi lill-istudenti b’ opportunità unika biex jitgħallmu b’mod prattiku dwar il-ħarsien tan-natura u s-sostenibbiltà.