Ir-Razzett tat-Tfal: Ċentru edukattiv ġdid biex jippromwovi s-sostenibbiltà fi Ġnien Romeo Romano ​

Ir-Razzett tat-Tfal: Ċentru edukattiv ġdid biex jippromwovi s-sostenibbiltà fi Ġnien Romeo Romano ​

Binja storika li kienet abbandunata fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, issa ġiet trasformata f’faċilità edukattiva moderna għall-istudenti tal-EkoSkola u oħrajn, sabiex jitgħallmu aktar dwar is-sostenibbiltà. 

Bl-isem ‘Ir-Razzett tat-Tfal’, din il-binja ser isservi bħala ċentru edukattiv dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli li se jkun immexxi minn Nature Trust Malta. 

 Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli enfasizzat l-importanza ta’ din l-inizjattiva fit-tfassil tal-ġenerazzjonijiet futuri. “Din kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħadt biex dan ir-razzett f’kollaborazzjoni ma’ EkoSkola jinbidel f’ċentru edukattiv għat-tfal kollha. Permezz tar-restawr ta’ dan il-bini storiku f’ċentru edukattiv, qed noħolqu spazju fejn l-istudenti ta’ kull età jkunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar is-sostenibbiltà u l-importanza li nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna. L-istudenti se jkollhom l-opportunità li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet prattiċi biex iżidu l-għarfien tagħhom dwar l-ambjent naturali, prattiċi sostenibbli u t-tnaqqis tal-iskart” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li enfasizzat b’mod pożittiv il-fatt li  dan iċ-ċentru għandu faċilitajiet iddedikati  għat-tfal bl-awtiżmu. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, żied jgħid kif l-inawgurazzjoni tar-Razzett tat-Tfal hija pass sinifikanti ’l quddiem fl-impenn ta’ WasteServ favur is-sostenibbiltà u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali. “Dan il-proġett ta’ restawr, flimkien ma’ proġetti oħra ta’ tħaddir li lestejna u dawk li qed naħdmu fuqhom, huma mod ieħor ta’ kif qed noħolqu futur aħjar kemm għall-ambjent kif ukoll għall-komunitajiet tagħna. Dan il-proġett huwa partikolarment għal qalbi għax huwa indirizzat direttament lejn it-tfal”, qal il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca. 

Il-President ta’ Nature Trust Malta, Vincent Attard, laqa’ l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru edukattiv ġdid. “Nature Trust, flimkien ma’ EkoSkola, se juża dan l-ispazju għal attivitajiet relatati ma’ EkoSkola, b’mod partikolari għall-attivitajiet marbuta mas-seba’ passi tal-programm, filwaqt li l-komunità u n-nies li jgħixu fil-viċinanzi se jkunu qed jibbenefikaw ukoll minn dan iċ-ċentru,” qal is-Sur Attard. 

S'issa tlestiet b’suċċess it-tieni fażi ta’ dan il-proġett ambizzjuż ta’ restawr, li qed jagħti nifs ġdid lil din il-binja storika u l-ġnien ta’ madwarha. Iċ-ċentru jinkludi kmamar multifunzjonali, kmamar għall-breakout, uffiċċju tal-amministrazzjoni, spazji informali, kif ukoll spazji ddisinjati biex jaqdu l-ħtiġijiet diversi tat-tfal. Il-viżitaturi jistgħu jaraw ukoll għodod u artifatti agrikoli storiċi li ġew restawrati u esebiti, sabiex joffru ħarsa lejn l-istorja ta’ din il-binja. 

Ix-xogħlijiet ta’ restawr inkludew tiswijiet strutturali fuq ħitan tal-ġebel, travi tal-injam, aperturi u pavimenti, kif ukoll il-konservazzjoni ta’ karatteristiċi li jirriflettu il-wirt storiku ta’ din il-binja. L-interventi strutturali saru b’attenzjoni kbira, fejn l-elementi ġodda ġew integrati ma’ dawk qodma biex jiġi ppreservat is-sinifikat kulturali ta’ dan is-sit.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200