WasteServ tirċievi l-premju S.A.F.E għall-impenn favur il-benesseri tal-impjegati

WasteServ tirċievi l-premju S.A.F.E għall-impenn favur il-benesseri tal-impjegati

WasteServ ġiet rikonoxxuta mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) bil-Premju S.A.F.E għall-isforzi tagħha biex tippromwovi l-post tax-xogħol bħala ambjent sikur. Dan il-premju jenfasizza l-impenn qawwi tal-kumpanija favur il-benesseri tal-impjegati permezz ta’ diversi inizjattivi fis-seħħ.   

“Il-benesseri tal-impjegati huwa ta’ importanza kbira għal WasteServ. Bħala post tax-xogħol, ninsabu determinati li ngħinu u nappoġġjaw kwalunkwe impjegat li jbati minn mard relatat mal-użu tas-sustanzi sabiex ikun jista’ jiġi megħjun u jirkupra. Huwa essenzjali għalina li nipprovdu ambjent ta’ appoġġ, mingħajr stigma, u li jiffavorixxi l-irkupru,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca.  

Il-programm S.A.F.E jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-vizzju fuq il-post tax-xogħol u fuq l-appoġġ lill-impjegati li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw sfidi relatati mas-sustanzi. Il-parteċipazzjoni ta’ WasteServ tirrifletti d-dedikazzjoni tagħha biex toħloq ambjent tax-xogħol sikur, ta’ appoġġ u orjentat lejn l-irkupru.   

Matul l-aħħar snin, WasteServ għamlet investimenti sinifikanti f’inizjattivi mmirati biex jappoġġjaw lill-ħaddiema tagħha. Flimkien mal-introduzzjoni ta’ family‑friendly measures u ħinijiet tax-xogħol flessibbli, l-kumpanija waqqfet ukoll ir-Recovery Support Unit (RSU). Din it-taqsima speċjalizzata, magħmula minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti b’esperjenza, toffri gwida u servizzi personalizzati, li jiżguraw li l-impjegati li jbatu minn mard relatat mal-użu tas-sustanzi jkollhom aċċess għall-aħjar kura u l-appoġġ meħtieġ biex jirkupraw.   

Ir-riċeviment tal-Premju S.A.F.E se jkompli jsaħħaħ l-impenn kontinwu ta’ WasteServ biex tibni post tax-xogħol aktar b’saħħtu u inklużiv għal kulħadd.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200