Din il‑faċilità l‑ġdida tifforma parti minn investiment ta' €75 miljun, li madwar €45 miljun minnhom huma kofinanzjati minn Fondi Ewropej. L‑impjant ġie mfassal biex jindirizza ż‑żieda kontinwa fis‑separazzjoni tal‑iskart organiku, li fl‑2025 laħqet rekord ta' madwar 36 miljun kilogramma.
Il‑proġett tnieda formalment waqt ċerimonja tal‑iffirmar li għaliha attendew il‑Ministru għall‑Ambjent Miriam Dalli, il‑Ministru għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, u l‑Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca, biex b'hekk ingħata l-bidu għax‑xogħlijiet fuq dan il‑proġett ta' importanza nazzjonali.
Il‑Ministru Miriam Dalli qalet, “Il‑faċilità l‑ġdida se tkun parti essenzjali mill‑infrastruttura nazzjonali tal‑iskart. Billi inżidu b'mod sinifikanti l‑kapaċità tal‑ipproċessar, l‑impjant il‑ġdid se jikkumplimenta l‑isforzi kontinwi fis‑separazzjoni tal‑iskart li qed isiru mid‑djar u n‑negozji. Dan l-impjant se jkollu rwol ċentrali fit‑tisħiħ tal‑ekonomija ċirkolari ta' Malta, filwaqt li jkompli jespandi l‑użu tal‑enerġija rinnovabbli fil‑pajjiż."
Il‑Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il‑proġett jirrappreżenta użu effettiv ħafna tal‑fondi Ewropej li qed imorru għall-bżonnijiet tal-pajjiż. “Permezz ta' dan l‑investiment qed ninvestu f'futur u f'ambjent aħjar, filwaqt li fl‑istess ħin qed noħolqu sors rinnovabbli u nadif ta' elettriku biex igawdu minnu kemm il‑komunitajiet tagħna kif ukoll l‑ambjent."
Meta jilħaq il‑kapaċità massima tiegħu, l‑impjant il‑ġdid għall‑ipproċessar tal‑iskart organiku se jsaħħaħ b'mod sinifikanti l‑abbiltà ta' WasteServ biex tittratta l‑iskart organiku, peress li se jżid il‑kapaċità annwali minn madwar 36,000 għal aktar minn 74,000 tunnellata. Din il‑kapaċità addizzjonali se tippermetti li aktar skart organiku jiġi kkonvertit f'enerġija nadifa, b'żieda fil‑ġenerazzjoni tal‑elettriku rinnovabbli minn 8.5 GWh sa 20 GWh meta mqabbel mal‑faċilità eżistenti.
Simili wkoll għall‑impjant eżistenti, il‑faċilità l‑ġdida se tippermetti li l‑iskart organiku jiġi rkuprat bħala enerġija rinnovabbli u kompost. Madankollu, din ġiet iddisinjata b'mod speċifiku biex timmassimizza l‑effiċjenza permezz ta' teknoloġija moderna u awtomazzjoni.
Meta spjega dan, il‑Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca qal: “Dan se jkun impjant modern u lest għall‑futur, iddisinjat biex jadatta għal ħtiġijiet differenti. Qed nimmassimizzaw l‑effiċjenza permezz ta' teknoloġija moderna u awtomazzjoni. Il-faċilità se tbiddel l‑iskart organiku f'enerġija rinnovabbli u kompost fi ħdan operazzjoni waħda integrata, filwaqt li ttejjeb l‑effiċjenza operattiva, issaħħaħ is‑sigurtà tal‑ħaddiema u tgħolli l-prestazzjoni ambjentali. Tul il‑proċess kollu, l‑iskart qatt ma jiġi f'kuntatt mal‑arja ta' barra u se joħroġ biss mill‑impjant meta jkun ipproċessat kompletament u ppakkjat f'boroż ta' kompost lesti għas‑suq."
Ladarba l‑iskart organiku jasal fil‑faċilità, il‑boroż jinfetħu u l‑materjal jiġi sseparat biex jitneħħew kontaminanti bħall‑plastik. Il‑materjal organiku mbagħad jiġi ttrattat f'diġesturi anerobiċi magħluqa, fejn jiddekomponi b'mod naturali fin‑nuqqas ta' ossiġnu, u jipproduċi bijogass, sors ta' enerġija rinnovabbli li jintuża għall‑ġenerazzjoni tal‑elettriku.
Il‑materjal li jibqa', magħruf bħala 'digestate', jiġi pasturizzat f'temperaturi għoljin u pproċessat f'kompost ta' kwalità għolja. Il‑faċilità l‑ġdida se tippermetti wkoll li l‑kompost jiġi ppakkjat fuq il‑post, lest għall‑użu.
Dan l‑impjant il‑ġdid jirrappreżenta pass importanti 'l quddiem fl‑impenn ta' WasteServ għall-immaniġġjar tal‑iskart sostenibbli u effiċjenti, hekk kif it‑teknoloġija avvanzata li se tintuża ġiet imtejba matul l-aħħar 10 snin. Huwa mistenni li l‑faċilità titlesta fi żmien sentejn.
Il‑kuntratt li jimmarka l‑bidu ta' dan il‑proġett ta' investiment sinifikanti ġie ffirmat bejn id‑Dipartiment tal‑Kuntratti u GreenMed JV.