Ta’ kull sena, il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart (EWWR) tgħaqqad skejjel, amministrazzjonijiet pubbliċi, kumpaniji, Għaqdiet mhux Governattivi u ċittadini minn madwar l-Ewropa – kollha magħqudin għall-istess għan: li jkun hemm promozzjoni t’attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar riżorsi sostenibbli u l-immaniġjar tal-iskart.
Permezz t’azzjonijiet u proġetti mmirati biex inaqqsu, jerġgħu jużaw u jirriċiklaw l-iskart, il-parteċipanti jkollhom ċans juru l-inizjattivi tagħhom bil-għan li jqajmu kuxjenza. Il-finalisti jkunu magħżula minn bord t’esperti indipendenti u r-rebbieħa jitħabbru waqt iċ-Ċerimonja ta’ Premjazzjoni għat-Tnaqqis tal-Iskart f’Malta , bi premjijiet li jingħataw għal kull kategorija. Ir-rebbieħa jirrappreżentaw lil Malta fiċ-Ċerimonja Ewropea ta’ Premjazzjoni għat-Tnaqqis tal-Iskart, li tlaqqa’ l-aħjar parteċipanti fil-qasam, minn madwar l-Ewropa kollha.
L-edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart (EWWR) għal din is-sena ser issir bejn l-20 u t-28 ta’ Novembru 2021. It-tema magħżula hi ‘Il-Komunitajiet Ċirkolari’.
Għal din is-sena, l-EWWR ser tiffoka fuq komunitajiet li jaħdmu flimkien għal skop wieħed: it-tnaqqis tal-iskart. Aħna nemmnu li azzjoni kollettiva jkollha riżultati aħjar.