Tista’ wkoll tiddisponi mill-ħġieġ ġo wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff li jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn is-7:30am u l-5:30pm. jew fir-Roadshow Truck li jżur kull lokalità darba fix-xahar.
Għalxiex għandek tpoġġi l-ħġieġ f’kontenitur li jista’ jerġa’ jintuża?
Dan qed nagħmluh sabiex niżguraw li x-xogħol li tkun ħadt meta laħlaħt u sseparajt il-ħġieġ ma jisfaxxax fix-xejn waqt il-ġbir billi jitħallat ma’ materjali oħra, bħal basktijiet tal-plastik, kaxxi tal-kartun jew skart ieħor peress li dan iwassal biex inaqqas mill-kwalità tal-ħġieġ miġbur.
X’jiġri mill-ħġieġ meta jasal fil-faċilitajiet tal-WasteServ?
WasteServ tibgħat il-ħġieġ kollu miġbur għall-esportazzjoni sabiex jiġi ttrasformat fi prodotti ġodda.
F’Lulju li għadda,
WasteServ esportat madwar 6,550 tunnellata ta’ ħġieġ imħallat, l-akbar ammont ta’ ħġieġ esportat mill-2013, ekwivalenti għal 34 miljun flixkun ta’ soft drinks.
Inkwetat minħabba COVID-19?
COVID-19 jgħix għal bejn jumejn jew tliet ijiem fuq il-plastik u ħamest ijiem fuq il-ħġieġ. Għaldaqstant huwa importanti li l-kontenitur li fih se toħroġ il-ħġieġ jinħasel b’diżinfettant li jkun ikkonċentrat b’5-6% ta’ sodium hypochlorite sabiex titnaqqas il-possibiltà ta’ kontaminazzjoni.
Dejjem uża ngwanti, preferibbilment li jintużaw iktar minn darba, biex tnaddaf u tiddiżinfetta.
Għalxiex ma nħeġġux l-użu ta’ kaxxi tal-kartun?
Nifhmu li ħafna jippreferu jagħmlu użu minn kaxxi tal-kartun, speċjalment f’dan il-perjodu. Però, kaxxi tal-kartun jitmermru u anki jitqattgħu meta jixxarbu bix-xita. Dan jista’ jkun ta’ riskju għall-kollettur waqt li jkun qed ibattal il-kaxxa tiegħek fit-trakk. Barra minn hekk, kartun imxarrab ma jistax jiġi rriċiklat peress li l-ilma jnaqqas il-kwalità tal-karta b’riżultat li tnaqqas mill-valur.
Kaxxi tal-kartun jistgħu ukoll jittajru mir-riħ meta jkunu vojta.
Nistednukom issegwu l-linji gwida maħruġa mill-Kunsill Lokali rispettiv tagħkom li huma responsabbli mill-ġbir tal-iskart. Xi Kunsilli Lokali għamlu arranġamenti sabiex jiffaċilitaw din it-transizzjoni.