Skart Perikoluż
Ċerti prodotti tad-dar jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent jekk ma jintremewx kif suppost. Skart perikoluż jinkludi kimiċi (inklużi l-kontenituri vojta), żebgħa (inklużi l-kontenituri vojta), żjut tal-magni, solventi, batteriji, u bozoz tad-dawl u tubi użati.
Jekk għandek bżonn tarmi skart perikoluż, huwa importanti ħafna li tagħmel dan b'mod sikur għall-ambjent. Skart perikoluż bħal dan għandu jittieħed f'wieħed miċ-
Ċentri għall-Iskart Goff. Il-bozoz tad-dawl u t-tubi tad-dawl jistgħu ukoll jittieħdu fit-
Trakkijiet tas-Separazzjoni tal-Iskart.
Mediċina Skaduta
Mediċina skaduta hija klassifikata bħala skart perikoluż ukoll.
Inti tista’ tieħu mediċina qadima, mhux użata, skaduta jew li m’għandekx bżonn iktar, fi spiżerija awtorizzata. Hawnhekk tista’ teħles minn pilloli jew kapsuli li huma waħdiet jew għadhom ġol-pakkett, mediċina fil-fliexken, inhalers u krema mediċinali li ssib fl-istoċċ.
Qatt m’għandek tieħu oġġetti bio-perikolużi, bħal siringi u apparat tal-EpiPen, fi spiżeriji. Dawn iridu jintremew f’kontenituri speċjali għal affarijiet bil-ponta u jittieħdu f’wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff tagħna.
Qabel ma teħles minn din il-mediċina, kun ċert li tneħħi l-ippakkjar tal-mediċina, karti b’informazzjoni, għotjien, tazzi żgħar jew kuċċarini tal-plastik. Dawn tista’ tarmihom ġol-kontenitur bl-għatu aħdar. Il-qafas tal-plastik tal-inhaler ukoll għandu jiġi sseparat miċ-ċilindru u mormi ġol-kontenitur bl-għatu aħdar.