B'investiment t' aktar minn €20 miljun, li minnhom €16.9 miljun huma eliġibli għall-Fondi ta’ Koeżjoni, l-Multi-Material Recovery Facility (MMRF) mistennija tibda’ topera fl-2023. Din il-faċilità se tkun qed ittejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ WasteServ.
Il-proċessi li ser isiru f’din il-faċilità huma mmirati biex jiġu rkuprati kemm jista’ jkun materjali u b’hekk innaqqsu mill-iskart li jmur fil-miżbla, f’konformità mal-miri tal-immaniġġjar tal-iskart li ħarġu mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart 2008/98/EC.
Dan l-impjant, li jinsab fl-inħawi ta’ Ħal Far, ser jaċċetta apparat elettriku u elettroniku (WEEE) kif ukoll tajers, injam, saqqijiet, ħġieġ ċatt, polistiren, drappijiet u prodotti tal-ġibs. Il-materjali miġbura ser jiġu sseparati, ippakkjati u mibgħuta għall-esportazzjoni. Kull materjal ser ikun trattat u proċessat separatament bil-għan li jiżdied il-valur tal-materjal għall-esportazzjoni filwaqt li jiġi massimizzat l-użu tal-ispazju u l-effiċjenza.