Contact Us

   

GreenServ hi fergħa ġdida fi ħdan WasteServ li twaqqfet bl-iskop li timplimenta proġetti infrastrutturali ta’ tħaddir fl-urban biex tkun tista’ tingħata ħajja ġdida lil żoni urbani densi f’Malta. L-għan ser ikun li żoni bħal dawn jinbidlu f’postijiet li jservu bħala spazji rikreazzjonali għall-pubbliku filwaqt li joffru wkoll benefiċċji ta’ saħħa u l-benesseri għar-residenti.L-ewwel mandat ta’ GreenServ ser ikun li twettaq tliet proġetti  fil-Ħamrun, f’Ħal-Qormi u fil-Mosta li ħa jkunu qed jintroduċu kunċett ġdid ta' tħaddir fl-urbanbil-ħsieb li tissaħħaħ il-kwalità tal-ispazji ħodor f’ żoni kkaratterizzati minn spazji griżi u konġestjoni ta’ traffiku, li huma ta’ impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja.  

B’investiment ta’ kważi €4 miljuni, dawn il-proġetti għandhom l-iskop li jbiddlu toroq traffikużi f’pulmuni ħodor li bihom ir-residenti jibbenefikaw minn titjib fil-kwalità tal-arja fir-raħal tagħhom. Tnediet Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq (PMC) biex tikkonsulta ma’ negozji interessati, li jispeċjalizzaw fi proġetti ta’ tħaddir urban, bil-għan li tinstab l-aqwa teknoloġija għall-postijiet urbani differenti. Dawn it-tliet proġetti ser iservu bħala pjan ta’ tfassil għal proġetti ikbar fil-futur.

Permezz ta’ din il-fergħa ġdida, WasteServ ser tkompli twessa’  u ssaħħaħ il-missjoni ambjentali bħala parti mill-impenn kontinwu li ttejjeb l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-fondi għall-dawn it-tliet proġetti ser jiġu pprovduti mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NDSF) u permezz tal-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment (IIP).​​

WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200