Il-miżbla tal-Qortin inbidlet fi spazju miftuħ ġdid li jista’ jitgawda mill-familji.
Miżbla, mifruxa fuq medda ta’ 50,000 metru kwadru, li ma kinitx ikkontrollata. Din il-miżbla kienet topera mill-1968 sal-2004, u matul dan il-perjodu ġew mormija madwar 0.6 miljun tunnellata ta’ skart.
Għal bosta snin, dan is-sit ma kellu l-ebda sistema biex jiġi kkontrollat il-likwidu li joħroġ mill-iskart u lanqas sistema ta’ monitoraġġ tal-gass. Minħabba f'hekk ġew ikkaġunati diversi nirien bi dħaħen jinfirxu mal-madwar li kienu jikkawżaw inkonvenjenza kbira għar-residenti tal-viċin.
Għaldaqstant, meta din il-miżbla ingħalqet fl-2004, bdew jittieħdu miżuri sabiex tiġi nstallata sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-arja li tlestiet fl-2008. Wara din il-fażi, l-miżbla ġiet issiġġilata b’ħamrija fil-qiegħ u ħamrija fil-wiċċ u tħawwlu madwar 23,000 arbuxxell sabiex din iż-żona tiġi rrestawrata għall-istat naturali tagħha. Inbena wkoll ġibjun biex jinġabar l-ilma tax-xita u jintuża għall-irrigazzjoni.
Fl-aħħar fażi ta’ dan il-proġett saru diversi lqugħ u xatbiet, u l-partijiet fejn kien tal-manifolds tal-gass iddawru b’rixtelli sabiex dan is-sit ikun iktar sigur għal pubbliku sabiex jkun jista’ jgawdih.
Inbnew ukoll parkeġġ u park għall-klieb li joffri post fejn is-sidien tal-klieb jieħdu l-klieb tagħhom għal ftit eżerċizzju.
Illum il-Qortin huwa spazju miftuħ għar-residenti u għall-pubbliku minn fejn wieħed jista’ jgawdi l-veduti sbieħ tar-Ramla l-Ħamra.