Ikkuntatjana
Miżbla li llum il-ġurnata hi spazju mħaddar miftuħ għall-pubbliku. Mifrux fuq 91,000m2 , Wied Fulija kien jintuża bħala miżbla bejn l-1979 u l-1996. Matul dan il-perjodu intefgħu madwar 1.85 biljun kilogramm ta’ skart. F’Awwissu tal-2019, WasteServ nidiet proġett iffinanzjat mill-UE biex tirriabilita din il-miżbla b’investiment ta’ €4.5 miljuni fejn 43,000 siġra u arbuxxell tħawlu sabiex din iż-żona tiġi rrestawrata għall-istat naturali tagħha. Bħala parti minn dan il-proġett ta’ riabilitazzjoni, il-ġnub taż-żewġ munzelli tal-iskart ġew stabilizzati f’angoli sikuri mingħajr ma żdiedu fl-għoli tagħhom. Dawn imbagħad ġew issiġillati b’ħamrija fil-qiegħ u ħamrija fil-wiċċ, kif ukoll b’materjal bil-ġeoċelloli. Il-munzelli ġew imsebbħa b’ħafna arbuxxelli, fosthom is-Sempreviva ta' Għawdex (Helichrysum melitense), iż-Żebbuġija (Teucrium fruticans) u x-Xorbett (Limbarda crithmoides). Inħoloq ukoll passaġġ pavimentat imdawwar b’siġar u bankijiet bejn iż-żewġ munzelli biex il-pubbliku jkollu aċċess għall-għoljiet u jkun jista’ jgawdi l-veduta panoramika ta’ Filfla. Magħżula bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni u Żona ta’ Protezzjoni Speċjali, dan il-proġett jagħmel enfasi fuq il-veġetazzjoni u l-bijodiversità lokali. Din iż-żona llum tospita wkoll in-naħla endemika ta’ Malta, l-Apis mellifera ruttneri. B’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta, tpoġġew bosta kolonji ta’ naħal biex jagħtu imbuttatura lill-bijodiversità ta’ din iż-żona. Peress li din iż-żona hi wkoll sit ta’ Natura 2000, parti mill-Irdjumijiet ta’ Malta: Mix-Xaqqa sal-Ponta ta’ Bengħisa, tpoġġew ukoll numru ta’ kaxex mal-irdum biex fihom ibejjet iċ-Ċief (Calonectris diomedea). Dan sar b’kollaborazzjoni ma’ BirdLife Malta. Permezz ta’ dan il-proġett, WasteServ ġabet din iż-żona lura fl-istat naturali tagħha filwaqt li tat lir-residenti u lill-pubbliku spazju mħaddar fejn jista’ jirrilassa.
Copyright © 2021 WasteServ Malta Ltd. Id-drittijiet kollha riżervati. Privacy Policy | Cookie Policy