WasteServ iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv mal-Unjin Professjonisti WasteServ (UPW), li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti tagħha.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, u mill-President tal-Union, Desislava Muscat, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Dr Joyce Cassar u tar-rappreżentanti mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali.
Il-ftehim kollettiv japplika għall-gradi professjonali ta’ WasteServ u jkopri salarji u gradi, flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar il-progress annwali fis-salarji, l-allowances, l-arranġamenti tax-xogħol, il-miżuri favur il-familja, t-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal li l-ftehim jipprovdi pedament sod għall-iżvilupp kontinwu tal-Kumpanija.
“WasteServ, u l-prestazzjoni tagħha, jiġu definiti mill-ħaddiema tagħha. Dan il-ftehim kollettiv isaħħaħ il-kundizzjonijiet offruti lill-professjonisti tagħna, u jipprovdi qafas ċar li permezz tiegħu nistgħu nkomplu niżviluppaw. Jirrifletti wkoll l-impenn tagħna li nkomplu nattiraw persuni tal-ogħla livell, nappoġġjaw lill-impjegati u nwettqu l-ħidma tagħna b’mod effettiv għall-ġid tal-pajjiż.”
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim jimmarka pass ieħor fl-isforzi ta’ WasteServ biex tkompli ssaħħaħ il-kompetenza professjonali meħtieġa ħalli jintlaħqu l-objettivi ta’ Malta fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.