Maltese Language   English Language
WasteServ tippubblika l-kwistjonarji ta’ prekwalifika (PQQ) għall-impjant tal-Waste-to-Energy

WasteServ tippubblika l-kwistjonarji ta’ prekwalifika (PQQ) għall-impjant tal-Waste-to-Energy

WasteServ ippubblikat il-kwistjonarji ta’ prekwalifika (PQQ) b’rabta mal-proġett tal-Waste-to-Energy. Il-kandidati interessati huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja u ekonomika, l-esperjenza, u l-kompetenza tagħhom għal dan il-kuntratt ta’ miljuni ta’ euro li jinkludi d-disinn, il-kostruzzjoni u l-operat tal-faċilità.   

Din il-faċilità se tkun qed tikkonverti, f’enerġija ħadra, skart li ma jistax jiġi riċiklat u se tifforma parti mill-kumpless ECOHIVE fejn se tkun qed tingħaqad ma’ faċilitajiet oħra tal-aħħar teknoloġija li se jkunu qed ibidlu l-iskart f’riżorsa.   

Il-Ministru Miriam Dalli fissret id-determinazzjoni tagħha li twassal dan il-proġett fl-iqsar żmien possibbli. Hija spjegat kif ‘il-Gvern permezz ta’ dan l-impjant se jkun qed jikkonverti skart li mhux riċiklabbli f’enerġija fl-iqsar żmien possibli sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni tal-pajjiż għal ekonomija ċirkolari u ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra’.   Il-kandidati interessati għandhom sa 31 Mejju 2022 09:30 CEST biex jissottomettu l-kwistjonarji ta’ prekwalifika. L-ewwel ħames operaturi li se jiġu magħżula f’ dan il-proċess se jkunu qed jirċievu Sejħa għall-Offerti.     

Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega kif ‘ix-xogħlijiet biex titħejja l-art għall-proġett Waste-to-Energy jinsabu mixjin sew u l-iskavar meħtieġ għandu jinbeda fi ftit ġimgħat.’ Dan wara li nħarġu l-permessi ta’ żvilupp għal dawn l-attivitajiet, kif ukoll il-konklużjoni u l-approvazzjoni tal-Istudji tal-Impatt Ambjentali.   

Il-kandidati interessati jistgħu jsibu l-kwistjonarji ta’ prekwalifika fuq il-websajt tal-WasteServ u fuq il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, ladarba tittella’ n-notifika fis-sigħat li ġejjin.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200