Il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi favur WasteServ u tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal

Il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi favur WasteServ u tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal

WasteServ tilqa’ s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell, li annullat deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, ippresedut minn Dr Anna Mallia, li The Shift News kienet iddeskriviet bħala ““landmark ruling against WasteServ as CEO slammed”. 

Il-Qorti sabet li t-Tribunal ma kienx fehem il-mertu tal-każ, billi ffoka fuq il-kunfidenzjalità kummerċjali, argument li WasteServ qatt ma ressqet, minflok indirizza d-difiża tagħha li l-informazzjoni mitluba kienet protetta taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni minħabba li kienet tinvolvi data personali. 

Il-Qorti kkonkludiet li d-deċiżjoni tat-Tribunal kienet nieqsa saħansitra mill-kunsiderazzjoni minima meħtieġa sabiex min jaqraha jkun jista’ jifhem id-difiża ta’ WasteServ, u li dan in-nuqqas fundamentali wassal għall-invalidità tad-deċiżjoni. 

WasteServ tinnota b’dispjaċir il-fatt li The Shift ippreżentat id-deċiżjoni oriġinali bħala telfa importanti għal WasteServ u għall-Kap Eżekuttiv tagħha, Richard Bilocca, meta issa l-Qorti sabet nuqqasijiet fundamentali fil-mod kif it-Tribunal ikkunsidra l-każ.

Il-proċeduri quddiem it-Tribunal oriġinaw minn talba skont il-Libertà tal-Informazzjoni mressqa minn Caroline Muscat ta’ The Shift fil-bidu tal-2023, li permezz tagħha ntalbu l-kuntratti ta’ ingaġġ u l-avviżi għall-postijiet vakanti relatati mas-Sur Bilocca u mal-avukat Pearl Agius. 

WasteServ ipprovdiet minnufih il-kuntratt tas-Sur Bilocca u l-estensjoni tiegħu, filwaqt li spjegat li d-data personali ta’ Dr Agius kien jistħoqqilha l-protezzjoni mogħtija mil-liġi. 

Il-Qorti bagħtet il-każ lura quddiem it-Tribunal sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid. WasteServ tirrispetta bis-sħiħ dan il-proċess u se tkompli tikkoopera, fiduċjuża li l-argumenti tagħha se jingħataw il-kunsiderazzjoni bir-reqqa li jistħoqqilhom.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200