Maltese Language   English Language
Linja ġdida tipproċessa 10 tunnellati ta’ ħġieġ fis-siegħa

Linja ġdida tipproċessa 10 tunnellati ta’ ħġieġ fis-siegħa

Tibda topera l-linja ġdida għall-ħġieġ ta’ WasteServ wara li tlesta l-perjodu ta’ kkummissjonar tat-tagħmir. Bil-kapaċità li tipproċessa 52,000 flixkun tal-ħġieġ fis-siegħa, il-kapaċità operattiva annwali ta’ WasteServ hija mistennija tiżdied għal 21,000 tunnellata minn 8,000 tunnellata. 

Il-linja għall-ħġieġ, uffiċjalment inawgurata mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, hija investiment ieħor fl-immaniġġjar tal-iskart sostenibbli. Dan l-impjant awtomatizzat tal-ħġieġ jipproċessa kwantitajiet akbar ta’ ħġieġ u jipproduċi ħġieġ ta’ kwalità ogħla, b’iktar effiċjenza. Il-linja għall-ħġieġ, b’teknoloġija avvanzata, tista’ tneħħi ċertu kontaminanti li jiġu mormija b’mod inkorrett mal-ħġieġ. B’hekk il-ħġieġ proċessat jkun ta’ kwalità ogħla li jista’ jerġa’ jintuża biex isir minnu ippakkeġġjar tal-ħġieġ mill-ġdid.  

“Il-ħġieġ huwa riżorsa imprezzabbli, kompletament riċiklabbli u kapaċi jiġi riċiklat b’mod infinit mingħajr ma jitlef il-kwalità. B’dan l-investiment ta’ €2.5 miljun, qed nieħdu passi sinifikanti lejn futur aktar sostenibbli waqt li naħdmu biex nilħqu l-miri ta’ riċiklaġġ tal-UE,” qalet il-Ministru Dalli. 

Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca irrimarka, “Din il-linja ġdida għall-ħġieġ se tippermetti lil WasteServ ittejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ħġieġ li nipproduċu, u b'hekk pajjiżna javvanza aktar lejn ekonomija ċirkolari.” 

Din il-faċilità hija mgħammra biex tipproċessa ħġieġ ċatt, inkluż pannelli tal-ħġieġ. B’hekk se tkun qed tnaqqas mit-tipi ta’ ħġieġ li jintremew fil-miżbliet. Bl-użu tal-aħħar teknoloġija awtomatizzata, s-sistema tissepara l-ħġieġ skont il-kulur billi tagħżel bejn ħġieġ ċar minn dak tal-kulur, u b’hekk ir-riżultat finali jkun materjal ta’ kwalità għolja. 

Fil-faċilità ta’ Sant’Antnin, l-impjant il-ġdid ġie kofinanzjat minn Fondi Ewropej. Dan l-investiment huwa parti mill-istrateġija ta’ WasteServ biex tnaqqas l-operat tagħha f'din il-faċilità, sabiex tagħmel spazju għat-trasformazzjoni ta’ 24,000 metru kwadru ta’ art f'park aħdar rikreattiv għall-pubbliku. 

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200