Maltese Language   English Language
Ċentru edukattiv u interattiv ġdid immirat biex jgħallem lit-tfal dwar l-immaniġġjar tal-iskart

Ċentru edukattiv u interattiv ġdid immirat biex jgħallem lit-tfal dwar l-immaniġġjar tal-iskart

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-WasteServ f’Marsaskala se jinbidel f’ċentru interattiv biex it-tfal jitgħallmu dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. 

Il-ministru spjega li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti mill-pjan tal-gvern biex itejjeb is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart u biex il-pajjiż jimxi lejn ekonomija ċirkolari. 

Dan iċ-ċentru, li jifforma parti mill-Family Park ta’ Marsaskala, se jinbidel f’ECOHIVE Academy fejn it-tfal jitgħallmu għaliex u kif għandu jiġi mmaniġġjat l-iskart b’mod xieraq. Iċ-ċentru se jkun maqsum f’żoni differenti u l-erba’ impjanti ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart li se jiffurmaw parti mill-proġett ECOHIVE se jkollhom żona dedikata għalihom. Bl-għajnuna tat-teknoloġija moderna, bħal tablets u għodod awdjoviżivi oħra, it-tfal se jieħdu esperjenza ġdida ta’ tagħlim u se jkunu jistgħu jiġbru wkoll punti mid-diversi attivitajiet fiż-żoni differenti sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu hands-on. 

Il-Ministru Farrugia qal li huwa importanti li ngħallmu lil uliedna dwar l-ambjent sabiex inrawmu ċittadini aktar konxji mill-ambjent. Il-Ministru Farrugia qal li huwa importanti li nimmotivaw lit-tfal tagħna biex ikunu parti mis-soluzzjoni u dan iċ-ċentru interattiv se jagħmel eżatt dak filwaqt li jagħmilha divertenti li nitgħallmu dwar l-immaniġġjar tal-iskart. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li l-WasteServ trid tieħu approċċ aktar proattiv fejn jidħol l-irwol edukattiv tagħha dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Qal li l-għan ta’ dan iċ-ċentru edukattiv huwa li jgħin lit-tfal isiru aktar ambjentalment responsabbli permezz ta’ logħob u midja interattiva oħra peress li dawn huma aġenti tal-bidla b’saħħithom. Fl-aħħar mill-aħħar qed naħdmu biex niżguraw futur aħjar għal uliedna u għalhekk huwa kruċjali li jkunu involuti b'mod attiv kemm jista’ jkun minn età żgħira. 

Dan tħabbar wara li aktar kmieni din is-sena WasteServ nediet sit ġdid għat-tfal, ECOHIVE Kids, u komiks ġodda bi stejjer dwar tliet karattri fittizji li jieħdu lit-tfal fuq ħafna avventuri waqt li jgħallmuhom dwar l-ambjent u s-separazzjoni tal-iskart. 

Is-sejħa għall-offerti għandha miftuħa sat-22 ta’ Ġunju 2021. Aktar informazzjoni dwar din is-sejħa għall-offerti tinsab hawn. Dan il-proġett jista’ jkun parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.


Ritratt: Antonia Micallef 

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200