Maltese Language   English Language
Il-proċess tas-sejħa għall-offerti tal-Waste-to-Energy jattira 11-il offerta

Il-proċess tas-sejħa għall-offerti tal-Waste-to-Energy jattira 11-il offerta

Il-perjodu ta’ sottomissjoni tal-kwestjonarju ta’ prekwalifika għall-impjant tal-Waste-to-Energy għalaq illum, 21 ta’ Ġunju fid-9:30 u 11-il operatur ekonomiku ressqu l-offerti rispettivi tagħhom.   

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca laqa’ l-interess qawwi li hemm mis-settur għal dan il-proġett u spjega kif la darba dan il-proċess jiġi implimentat b’suċċess se jkun qed iwassal għal titjib immedjat u konkret fl-infrastruttura u l-prestazzjoni ambjentali ta’ Malta. Il-fatt li WasteServ irnexxielha tattira ismijiet ewlenin fid-dinja għal dan il-proġett ikompli juri li l-pjan infrastrutturali għall-immaniġġjar tal-iskart imfassal minnha huwa wieħed sod.    

L-offerti kollha se jkunu qed jiġu analizzati u jingħataw il-punti skont kriterji li ġew stabbiliti minn qabel u elenkati fid-dokument tal-kwestjonarju ta’ prekwalifika. L-aqwa ħames offerenti eliġibbli li jiksbu l-ogħla punti se jiġu magħżula għall-istadju li jmiss. L-Istadju ta’ prekwalifika se jkun segwit minn Stedina għall-Parteċipazzjoni fid-Djalogu.   

Il-faċilità tal-Waste-to-Energy se tkun qed tipproċessa skart mhux riċiklabbli minflok jispiċċa fil-miżbla biex ikun jista’ jiġi kkonvertit f’enerġija li ma tniġġisx. Dan se jkun qed ibiddel is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta filwaqt li jikkumplimenta l-bqija tal-impjanti tal-immaniġġjar tal-iskart li se jiffurmaw parti mill-kumpless ECOHIVE. Dan l-investiment se jippermetti lill-pajjiż jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu għal-ekonomija ċirkolari.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200