Maltese Language   English Language
WasteServ tħabbar ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards

WasteServ tħabbar ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards

WasteServ tħabbar ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards WasteServ ħabbret ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards. Dan l-avveniment iċċelebra l-aħjar azzjonijiet minn skejjel, l-amministrazzjoni pubblika, kumpaniji, NGOs u ċittadini matul il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart.

It-tema kienet relatata mat-Tessuti Ċirkolari u Sostenibbli, fejn il- parteċipanti kellhom l-opportunità  juru l-inizjattivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-materjal u r-riċiklaġġ.

Ġurija esperta evalwat u għażlet ir-rebbieħa fejn kull rebbieħ irċieva fondi biex ikomplu jissaħħu l-isforzi favur it-tnaqqis tal-iskart, flimkien ma’ trofew. Matul din iċ-ċerimonja ngħataw total ta’ €17,000 fi premjijiet.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret lill-parteċipanti kollha għall-azzjonijiet tagħhom li jqajjmu kuxjenza dwar l-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ.

“Huma inizjattivi bħal dawn li jqawwulna qalbna, fejn naraw diversi stakeholders jipparteċipaw u jagħtu sehemhom lejn ekonomija ċirkolari. Filwaqt li b’dawn l-inizjattivi flimkien mal-politika tagħna, qed inkomplu nqajmu aktar għarfien fuq konsum u produzzjoni sostenibbli u bi ħsieb,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-parteċipanti kollha u enfasizza kif bl-azzjonijiet tagħhom qegħdin jimmotivaw lill-pubbliku biex ikollhom rwol aktar attiv fil-prevenzjoni u s-separazzjoni tal-iskart.

Barra minn hekk, waqt din iċ-ċerimonja ingħata wkoll rikonoxximent lil Kunsilli Lokali għal isforzi tagħhom favur l-immaniġjar tal-iskart bi premjijiet mogħtija lill-aqwa tliet lokalitajiet minn Malta u Għawdex.

Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart hija l-akbar kampanja fl-Ewropa mmirata biex tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart u timmira li tispira u tinkoraġġixxi atturi varji tal-komunità biex jiżviluppaw azzjonijiet li jħallu impatt għal dan il-għan. Il-kampanja ta’ din is-sena se ssir mit-18 sas-26 ta' Novembru, b'enfasi fuq l-iskart ippakkjat. 

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Eċċellenza tiegħu Frank Bezzina, Aġent President ta’ Malta.

Ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards kienu: 

  •  Waste Reduction Award in Public Administration - Kunsill Lokali tal-Kalkara 
  • Waste Reduction Award in Associations Category - Flimkien għal Ambjent Aħjar 
  • Waste Reduction Award in Schools Category - St Nicholas College Dingli Secondary School 
  • Waste Reduction Award in Clean-up Awareness - Kunsill Reġjonali tal-Lvant 
  • Waste Reduction Award in Business Category – Parascandolo 
  • Waste Reduction Award in Citizens Category - Il-Familja Ciangura 
  • Waste Reduction Award for Best Practice in Most Innovative Initiative - Martina Caruana


 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200