Sistema ġdida ta’ gate fees differenzjati se tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sabiex Malta tkompli miexja ‘l quddiem ħalli fil-miri ambjentali tagħha. B’dawn il-bidliet mhux se jiġu affetwati dawk s-servizzi li bħalissa huma offruti lill-pubbliku bla ħlas jiġifieri l-ġbir tal-iskart bieb bieb, l-ġbir ta’ skart goff, l-użu taċ-Ċentri għall-Iskart Goff u s-servizz ta’ Roadshow Truck. Dan hu intiż biex ipoġġi l-ambjent bħala prijorità mingħajr ma jxekkel l-isforzi li diġà qed isiru mill-pubbliku.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca ġewwa l-Kumpless ECOHIVE.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif Malta għandha l-għola rata ta’ skart mormi fil-miżbliet fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. “L-impatti negativi li jġibu magħhom il-miżbliet huma ħafna, fosthom l-impatt viżwali, l-problemi bl-irwejjaħ, t-teħid ta’ art agrikola u oħrajn.” Hija qalet li biex nindirizzaw dawn l-isfidi kien hemm bżonn li jittieħdu deċizjonijiet li kellhom jittieħdu għoxrin sena ilu sabiex nibdew it-transizzjoni ħalli sa 2035 ir-rata ta’ 90% ta’ skart mormi fil-miżbliet tinżel għal 10%. Hija qalet li dan il-Gvern hu kommess li b’ ħidma flimkien mal-istakeholders kollha jieħu deċiżjonijiet li jpoġġu l-ambjent bħala prijorità assoluta għax fuqu jiddependi il-futur ta’ uliedna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spejga kif matul is-snin il-miżbliet ħolqu problemi estensivi fil-pajjiż u għalkemm WasteServ f’dawn l-aħħar snin riabilitat il-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq u tal-Qortin f’Għawdex ikun ferm kontradittorju li nibqu noħolqu pjagi ambjentali ġodda billi ma nieħdux azzjoni. Hu spejga ukoll kif WasteServ diġà għandha kollox lest biex tinforza din is-sistema b’mod li jeskludi kwalunkwe abbuż mill-1 ta’ Jannar li ġej. Huwa irrimarka li bl-investiment ECOHIVE ta’ €500 miljun il-pajjiż għamel l-ewwel pass ‘lil hinn mill-politika staġnata tal-passat u llum qed isir it-tieni pass biex b’ mod konkret is-settur jiġi inċentivat jissepara l-iskart, bil-pass li jmiss tkun is-separazzjoni mandatorja.
Dan it-tibdil se jkun qed jaffettwa biss lil dawk it-trakkijiet li jmorru jarmu direttament fil-faċilitajiet ta’ WasteServ. Ir-rata biex jintrema skart imħallat li llum hija ta’ €20 kull tunnellata se tkun qed tiżdied għal €40 mill-1 ta’ Jannar u kull sena se jkun hemm żieda gradwali ta’ €20 sakemm tilħaq €120 fl-2037. Mhux se jkun hemm tibdil fir-rati tar-rimi tal-iskart riċiklabbli u organiku li bħalissa huma ta’ 0.50ċ kull tunnellata u €20 kull tunnellata rispettivament. Dan iffiser li l-operaturi li għadhom ma jisseparawx l-iskart kummerċjali ser ikunu qed jiffrankaw il-flus meta jidħlu jarmu fil-faċilitajiet ta’ WasteServ jekk l-iskart jibda jkun separat.
Fix-xhur li ġejjin WasteServ ser tkun qed tinawgura impjant state-of-the-art f’Ħal Far li se jkun qed jipproċessa apparat elettriku u elettroniku (WEEE), tajers, injam, saqqijiet, ħġieġ ċatt, jablo, tessuti u gypsum. Hekk kif kif stipulat fil-kuntratt tal-Fondi Ewropej għal dan il-proġett, il-gate fees għal dawn il-materjali se jkunu differenzjati skond l-ispejjeż reali relatati mat-trattament ta’ dawn il-materjali. Dan il-mekkaniżmu se jkompli jinkoraġġixxi l-industrija biex tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u tissepara l-iskart tagħha peress li l-iskart imħallat se jkun l-iktar wieħed għoli biex jiddaħħal fil-faċilitajiet ta’ WasteServ sas-sena 2027.
Din il-miżura hija parti mill-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart liema pjan huwa intiż biex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha. Ta’ min wieħed ifakkar li fl-2021, WasteServ kissret kull rekord relatat mal-ipproċessar u l-esportazzjoni ta’ materjali riċiklabbli u deċiżjonijiet bħal dawn huma kruċjali biex nilħqu l-miri ambjentali iktar ambizzjużi. Aktar dettal fuq dawn il-gate fees ser ikun disponibbli fuq is-sit ta’ WasteServ u anke permezz ta’ tabelli fis-siti prinċipali ta’ WasteServ.
Gate fees li se jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023.