Maltese Language   English Language
Insaħħu lill-Ħaddiem: Titnieda kampanja li tenfasizza x-xogħol imprezzabbli tal-ħaddiema

Insaħħu lill-Ħaddiem: Titnieda kampanja li tenfasizza x-xogħol imprezzabbli tal-ħaddiema

WasteServ nediet kampanja ta’ għarfien li tenfasizza x-xogħol imprezzabbli tal-ħaddiema tagħha filwaqt li tħeġġeġ lill-pubbliku biex jirrispetta lil dawn il-ħaddiema u jingħaqad magħha sabiex flimkien nimxu lejn ekonomija ċirkolari ħalli noħolqu riżorsi ta’ kwalità għolja mill-iskart. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li faħħar ix-xogħol siewi li l-ħaddiema tal-WasteServ qed iwettqu, b’mod partikolari fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. 

Il-Ministru Farrugia spjega li l-ħaddiema tal-WasteServ baqgħu għaddejjin b’ħidmiethom biex iżommu dan is-servizz essenzjali għaddej. Qal li filwaqt li ħafna kellhom l-għażla li jaħdmu mid-dar, għall-ħaddiema tal-WasteServ dan ma kienx possibbli minħabba n-natura ta’ xogħolhom. 

Il-Ministru Farrugia nnota li x-xogħol min-naħa tal-WasteServ baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb ħafna tant li fl-aħħar xhur il-pajjiż għamel passi importanti ’l quddiem fejn jidħol ir-riċiklaġġ. 

“Dan il-gvern jifhem li l-ħaddiema tagħna huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, tal-familji tagħna u ta’ pajjiżna. Din hi r-raġuni li anke waqt pandemija l-gvern ħadem biex mhux biss ipproteġa s-saħħa tal-poplu kollu, iżda komplejna ninvestu fil-ħaddiem u nsaħħu lill-ħaddiem; salvajna bosta xogħlijiet, investejna fin-negozji, qassamna l-ġid fost kulħadd u komplejna u se nkomplu nħarsu u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji,” qal il-ministru. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca saħaq dwar l-importanza li tinvesti fis-sigurtà u fil-benesseri tal-ħaddiema. WasteServ għarfet tagħmel dan hekk kif ftit tax-xhur ilu twaqqfet sezzjoni ġdida fi ħdan il-kumpanija li toffri appoġġ lil dawk il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw sfidi relatati max-xogħol jew fuq livell personali. Tnieda wkoll programm ġdid li joffri servizzi ta’ counselling u informazzjoni oħra speċjalizzata bla ħlas lill-impjegati. Is-Sur Bilocca rringrazzja lill-impjegati għall-isforzi kontinwi tagħhom biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ ta’ Malta.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200