Ħu ħsieb l-ambjent bħala sid tal-annimali domestiċi

Fejn jidħlu l-annimali domestiċi tagħna, m'hemm xejn li m’aħniex lesti nagħmlu biex niżguraw il-benesseri u s-sigurtà tagħhom. Madankollu, meta nagħmlu dan, huwa importanti li nikkunsidraw ukoll x'inhu l-aħjar għall-ambjent. Bi ftit bidliet fl-għażliet ta' kuljum tagħna, nistgħu nagħtu prijorità kemm lill-annimali domestiċi tagħna kif ukoll lill-ambjent.   

Uża boroż bijodegradabbli 

Forsi li tnaddaf wara l-kelb, qattus jew l-annimal tiegħek mhux daqshekk pjaċevoli iżda m’għandux għalfejn ikun ukoll ta’ ħsara għall-ambjent. Minflok tuża kwalunkwe boroż tal-plastik biex tiġbor il-ħmieġ, ara minflok li qed tuża boroż bijodegradabbli u kompostabbli.

Bl-istess mod, la jerġa jkollok bżonn toħrog għal qadja ta’ malajr, għażel li tieħu lill-kelb miegħek minflok il-karozza. Tkun għamilt il-kelb tiegħek kuntent, għamilt ftit eżerċizzju, u naqqast l-emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, m'għandekx għalfejn taħli ħin prezzjuż tfittex parkeġġ.   

Agħmel il-ħin tal-logħob divertenti filwaqt li tipproteġi l-ambjent 


Minflok ġugarelli tal-plastik, agħżel ġugarelli li huma magħmula minn materjali naturali, riċiklabbli jew reklamati bħal drapp antik jew qanneb. Tista' wkoll tagħżel ġugarelli li huma iktar b’saħħithom u li jservu għal iktar fit-tul biex b’ hekk tikkonsma inqas. 

Nistgħu wkoll nużaw bħala ġugarelli oġġetti li nsibu fi djar tagħna. Roll tat-toilet paper jew kaxxi tal-kartun kapaċi jżżommu lill-qattus tiegħek kuntent u okkupat għal sigħat twal.   

L-għażla tal-litter hija importanti 

L-impatt ambjentali tal-litter tal-qtates m’huwiex l-ewwel ħaġa li tiġik f'moħħok meta tkun qed tagħżel liem wieħed ser tixtri. Iżda litter tradizzjonali, magħmul mit-tafal jew kristall, jiġi estratt minn minerali mill-wiċċ tal-blat u minjieri apposta fi proċess imsejjaħ strip mining bl-impatti ambjentali negattivi kollha li jġib miegħu. 

Għalhekk fittex li tixtri litter bijodegradabbli bħal dak magħmul minn gazzetti riċiklati, serratura jew fibri tal-injam. U tużax liners tal-plastik ħalli ma toħloqx skart bla bżonn.   

Għażel li taddotta flok tixtri 


Għalkemm mhux direttament relatat mal-ambjent, ma nistgħux inħallu dan il-punt importanti barra. Ingħaqad mal-moviment ‘adopt don’t shop’.  

M'hemm xejn isbaħ mill-imħabba u lealtà tal-annimali, speċjalment ta' dawk li kellhom passat diffiċli. Li tkun taf li tista' tgħin lil dawn l-annimali jirkupraw minn esperjenzi koroh u tagħtihom dar u l-imħabba li jistħoqqilhom jgħinek isaħħaħ aktar ir-rabta tiegħek mal-annimal Ii tkun addottajt.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200