Maltese Language   English Language
WasteServ ma tistax tħallas għal materjal mhux riċiklabbli

WasteServ ma tistax tħallas għal materjal mhux riċiklabbli

B’ referenza għall-istqarrija tal-GreenPak, WasteServ tixtieq itenni dawn il-punti li ġejjin. 

Hija GreenPak li qed tonqos milli tonora l-obbligi tagħha skond il-kuntratt li għandha mal-WasteServ biex twassal materjal riċiklabbli li jikkonsisti f’ karta, kartun, plastik u metal. Ta’ min wieħed jgħid li għalkemm GreenPak qed issemmi li twassal mal-25,000 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli, madwar nofs dan il-materjal huwa ħazin u ta’ dannu għal WasteServ. Ta’ dan GreenPak qed tinsisti li titħallas mit-taxxi tal-poplu daqs li kieku il-materjal hu riċiklabbli. 

Il-fatt li GreenPak qed iġġib materjal ħazin u mhux riċiklabbli ġie ikkonfermat minn diversi eżerċizzji separati li saru fejn ittieħdu kampjuni tal-iskart li qed jinġieb minn GreenPak u fejn instab li rata ta’ rifjuti - jiġifieri l-ammont ta’ materjali li ma jistux jiġu irriċiklati bħal ħwejjeġ, skart goff u saħansitra skart perikoluż u kliniku - hija ferm għola minn 7.5% kif qed tisħaq il-GreenPak. Minflok GreenPak trid lil WasteServ tħallasha mit-taxxi tal-poplu 35% tal-materjal li mhux riċiklabbli u li joħloq dannu lill-interessi tal-WasteServ. 

M’huwiex aċċettabli li GreenPak qed tistenna li kumpanijja tal-Gvern tħallasha €48 għal kull tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli u li hu saħansitra ħafna drabi perikoluż u li qed jissarraf f’ danni sostanzjali. Jekk il-WasteServ tagħmel kif qed titlobha l-GreenPak, dan ikun ifisser misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mogħtija lilha mill-Gvern biex tmexxi l-operat tagħha b’suċċess, trasparenza u responsabbiltà. WasteServ hija kommessa li tamministra l-fondi tagħha b’mod responsabbli. 

WasteServ hija ukoll kommessa li tkompli tibni fuq is-suċċess miksub fejn xahar wara l-ieħor qed itejjeb il-prestazzjoni tagħha billi iżid l-ammont ta’ materjali riċiklati li jerġu lura fl-ekonomija. Kien għalhekk li fl-aħħar ġimgħat Malta irreġistrat numru record ta’ materjal riċiklabbli meta mqabbla mal-aħħar dsatax-il sena. Huwa għalhekk ukoll li ma tistax taċċetta talbiet li jmorru kontra dan b’ impatt fit-tul fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-pajjiż. 

Mhux minnu wkoll li WasteServ qed iżomm il-pagamenti dovuti lill-GreenPak. Filfatt, WasteServ iddepożitat l-ammont dovut il-Qorti wara li GreenPak irrifjutat dawn il-pagamenti. Kuntrarju għal dan hija GreenPak li s’ issa żammet milli tħallas flejjes konsiderevoli lil WasteServ u fuq WasteServ qed tirriserva kull dritt mogħtija lilha bil-liġi.  

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200