Maltese Language   English Language
Il-proġett biex l-impjant ta’ Sant’ Antnin jinbidel fi spazju ta’ rikreazzjoni miexi ‘l quddiem

Il-proġett biex l-impjant ta’ Sant’ Antnin jinbidel fi spazju ta’ rikreazzjoni miexi ‘l quddiem

Ix-xogħol sabiex l-impjant tat-trattament tal-iskart f’Sant’ Antnin jinbidel f’ park ekoloġiku u rikreattiv qed joqrob iktar lejn ir-realta’ issa li ħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-iskavar u xogħol ieħor preparatorju ta’ kostruzzjoni.   

Wara li WasteServ ħabbret li l-biċċa l-kbira tal-operat ta’ dan l-impjant ingħalaq f’ Diċembru 2022, minn dak iż-żmien it-tagħmir żżarma u l-materjali ntbagħtu għar-riċiklaġġ barra minn Malta. Dan il-proġett se jara spazju ta’ iktar minn 23,000 metru kwadru rritornat lura lill-pubbliku fl-akbar proġett ta’ tħaddir li qatt sar mill-WasteServ.   

Is-sejħa għall-offerti li ħarġet tkopri diversi xogħlijiet, fosthom l-iskavar tal-parkeġġ ta’ tliet sulari li joffri faċilitajiet ta’ park-and-ride għal Marsaskala. Ix-xogħlijiet jinkludu l-iskavar biex tinħoloq vaska kbira tal-ilma artifiċjali (lake) f’ dan il-park, li se jattira l-bijodiversita’ u joħloq ambjent seren għall-viżitaturi ta’ dan il-park.   

Se jinħolqu wkoll tliet ġibjuni tal-ilma fejn se jinġabar l-ilma tax-xita biex ikun jista’ jintuża għat-tisqija u għas-sistema tat-tifi tan-nar. Bħala parti mill-impenn ta’ WasteServ favur is-sostenibbiltà u l-ekonomija ċirkolari, 33 fil-mija tal-materjal inert li se jiġi mħaffer bħala parti mix-xogħolijiet se jerġa’ jintuża fl-istess sit.   

Se jinbena ukoll ċint mal-perimetru ta’ dan il-park ta’ madwar 175 metru. Dan se jgħin biex jiddefinixxi ż-żona u jinħoloq pajsaġġ naturali b’siġar u arbuxelli matura.   

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli laqgħet dan il-pass importanti u qalet li dan il-proġett huwa marbut mal-mandat tal-Gvern ta’ tħaddir fl-urban.   

“Permezz ta’ dan il-proġett, l-għan tal-Gvern huwa li jirriabilita dan is-sit li qabel kien assoċjat mat-tniġġis ambjentali u jbiddlu f’ park naturali aċċessibbli għal kulħadd, simili tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Qortin f’Għawdex u Wied Fulija fiż-Żurrieq,” qalet il-Ministru Dalli.   

It-tħejjijiet għat-tieni fażi tal-proġett għadhom għaddejjin. Barra minn hekk, is-sejħa għall-offerti għal diversi xogħolijiet — inkluż il-ġarr tal-ħamrija, t-tħawwil ta’ siġar matura, l-kostruzzjoni u l-mili tal-vaska kbira tal-ilma artifiċjali (lake) u s-sistema tal-filtrazzjoni tagħha, l-bini tas-serra b’faċilitajiet akkwaponiċi, l-bini tal-parkeġġ, u l-kostruzzjoni ta’ spazju multifunzjonali — mistennija tinħareġ fix-xhur li ġejjin. Sakemm toħroġ din is-sejħa għall-offerti x-xogħol tal-iskavar għandu jkun riesaq lejn it-tmiem.   

Proġetti bħal dan l-ispazju miftuħ ġdid f’ Marsaskala huwa biss possibbli permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-policies dwar l-immaniġġjar tal-iskart.   

Mingħajr policies bħal dawn, l-unika riżultat kien ikun aktar miżbliet u aktar teħid ta’ art. WasteServ tibqa’ impenjata li tkompli taħdem favur l-ekonomija ċirkolari, dan jixhdu x-xogħol kontinwu li qed isir fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart li jammonta għal nofs biljun ewro, l-akbar investiment li qatt għamlet Malta.   

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca irringrazzja lill-pubbliku għall-isforzi bla waqfien tagħhom, li kienu importanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ECOHIVE u għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200