Maltese Language   English Language
Aktar spetturi biex jissaħħu l-kontrolli, jiġu ppubblikati regoli ġodda tas-sit

Aktar spetturi biex jissaħħu l-kontrolli, jiġu ppubblikati regoli ġodda tas-sit

WasteServ saħħet it-tim tal-Waste Acceptance Unit tagħha bl-ingaġġ ta’ iktar spetturi li ħa jkunu qed jaraw li l-iskart li jidħol fil-faċilitajiet tagħha jintrema kif suppost.    

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia meta żar il-kumpless ECOHIVE fejn iltaqgħa mal-ispetturi ġodda.   

Il-Ministru Farrugia spjega kif dawn l-ispetturi se jkollhom ukoll l-irwol importanti li jirrapurtaw kull ksur tar-regoli l-ġodda tas-sit li se jidħlu fis-seħħ mil-lum. Dawn ir-regoli huma maħsuba biex jiżguraw is-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-WasteServ ħalli jitnaqqas ir-riskju ta’ aċċidenti.   

Il-Ministru qal li bl-ingaġġ ta’ iktar spetturi, il-WasteServ kważi rdoppjat in-numru ta’ spezzjonijiet. Dan irriżulta f’aktar monitoraġġ li jiżgura li l-iskart jiġi mormi kif suppost.   

Iċ-Chairperson tal-Wasteserv Profs Frank Bezzina qal li l-Wasteserv qiegħda kontinwament itejjeb l-operat tagħha, u li r-regoli l-ġodda tas-sit se jkunu qed ikomplu jtejbu s-sistema ta’ infurzar fil-faċilitajiet tagħha.   

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif l-irwol tal-ispetturi huwa li jiċċekkjaw viżwalment l-iskart li nirċievu, inkluż l-iskart li jmur fil-miżbla. Jittieħdu wkoll ritratti ta’ dan l-iskart waqt il-ħatt bħala evidenza biex jiġi aċċertat li dan hu konformi mad-dikjarazzjoni tal-iskart magħmula mill-kolletturi huma u diħlin.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200