Maltese Language   English Language
Xogħlijiet fuq proġett ġdid fiż-żona ta’ ‘Fuq il-Glacis’ fil-Birgu qed javvanza b’ritmu tajjeb ħafna

Xogħlijiet fuq proġett ġdid fiż-żona ta’ ‘Fuq il-Glacis’ fil-Birgu qed javvanza b’ritmu tajjeb ħafna

WasteServ u Project Green se jkunu qed jiftħu dan il-proġett ta' 9,000m2 għall-pubbliku sax-xhur tas-sajf​​.

Ix-xogħlijiet fuq żona ġdida ta' rikreazzjoni li tinsab fil-qalba tal-Birgu għaddejjin b'ritmu tajjeb ħafna, biż-żona riġenerata mistennija tinfetaħ għall-pubbliku fix-xhur tas-sajf.

Dan l-ispazju ta' 9,000 metru kwadru, li jinsab fiż-żona magħrufa bħala 'Fuq il-Glacis', qed jiġi trasformat fi spazju sigur li se jkun maqsum f'żoni ta' rikreazzjoni differenti, fosthom picnic area, playground u park għall-klieb. Imħabbar f' Awwissu li għadda minn GreenServ - sussidjarja ta' WasteServ, u Project Green, ix-xogħlijiet fuq il-proġett qed javvanzaw, fejn ir-restawr tal-istrutturi interni jinsab lest u x-xogħlijiet fuq iċ-ċnut u l-kanċelli qed joqorbu lejn tmiemhom.

Ir-riġenerazzjoni ta' dan l-ispazju se tinvolvi l-installazzjoni ta' diversi tagħmir, fosthom tagħmir għal logħob tat-tfal, tagħmir għall-park tal-klieb, bankijiet, bins u arbli tad-dawl. Parti mis-sistema l-ġdida tad-dawl se tkun qed taħdem permezz tal-pannelli solari filwaqt li t-tagħmir kollu se jkun magħmul minn injam sostenibbli u materjal riċiklat.

Waqt żjara, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, li kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca u s-Sindku tal-Birgu John Boxalli, irringrazzjat lil WasteServ u lil Project Green tal-ħidma tagħhom fuq dan il-proġett biex jiżguraw li x-xogħlijiet jitlestew, u din iż-żona tirritorna lill-komunità.

“Dan il-proġett se jkompli jipprovdi kwalità ta' ħajja aħjar lir-residenti tat-Tliet Ibliet, hekk kif se jkun ukoll ikkumplimentat bi spazju aħdar ieħor f' Bormla fejn 3,000 metru kwadru ta' art li tista' tiġi żviluppata se tkun qed tinbidel fi spazju aħdar," qalet il-Ministru Miriam Dalli, b 'referenza għas-sit biswit l-American University of Malta.

Dan il-proġett qed isir b' investiment ta' madwar €500,000 u ġie ippjanat b'mod li jimminimizza l-emissjonijiet tal-karbonju billi jagħti prijorità lis-sostenibbiltà fit-tul.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200