Ċentru ġdid interattiv u edukattiv li jinsab fil-Park tal-Familja ġewwa Marsaskala fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, u qed jilqa’ lil dawk kollha interessati li jitgħallmu iktar dwar is-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart u prattiċi sostenibbli.
L-ECOHIVE Academy, żviluppata minn WasteServ Malta, hija l-ewwel ċentru imfassal biex jeduka dwar l-immaniġġjar tal-iskart u jippromwovi prattiċi sostenibbli permezz ta’ varjetà ta’ wirjiet interattivi u esperjenzi diġitali, f’forma ta’ logħob.
Flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, membri tal-midja ġew mistiedna jesperjenzaw dak li qed joffri dan iċ-ċentru.
Il-Ministru Dalli laqgħet il-ftuħ ta’ dan il-proġett innovattiv, u qalet li l-ECOHIVE Academy tirrappreżenta l-viżjoni tal-Gvern fl-immaniġġjar tal-iskart. "Billi nħeġġu lill-pubbliku jagħraf l-iskart bħala riżorsa siewja, qed inwittu t-triq għal soċjetà aktar konxja mill-ambjent filwaqt li nikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Nafu wkoll li l-edukazzjoni hija essenzjali u għalhekk nawgura li dan iċ-ċentru edukattiv jgħin biex titnaqqas il-perċezzjoni tan-nies dwar l-iskart u r-realtà,” qalet il-Ministru Dalli.
L-ECOHIVE Academy toffri esperjenza unika għal viżitaturi ta’ kull età, bl-użu ta’ augmented reality, wirjiet interattivi, u logħob diġitali biex tispjega l-importanza tas-sostenibbiltà u l-immaniġġjar tal-iskart. Dan iċ-ċentru jipprovdi mod innovattiv għat-tagħlim, u jagħmel l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-immaniġġjar tal-iskart interessanti u aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, enfasizza l-importanza tal-investiment fil-ġenerazzjonijiet futuri. “L-ECOHIVE Academy mhux biss qed tagħmel it-tagħlim aktar pjaċevoli iżda qed tinvolvi wkoll nies ta' kull età biex ikunu parti minn din il-bidla," qal il-Kap Eżekuttiv. Din l-inizjattiva tenfasizza wkoll l-impenn kontinwu tal-WasteServ lejn l-edukazzjoni.
L-ECOHIVE Academy hija maqsuma f’żoni differenti, kull waħda ddedikata biex turi diversi aspetti tal-immaniġġjar tal-iskart li huma parti mill-proġett ECOHIVE. Il-viżitaturi, permezz ta’ tablets, jistgħu jesploraw dawn iż-żoni billi jużaw QR code, fejn ikunu jistgħu jilgħabu logħob divertenti u jaċċessaw informazzjoni siewja dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart b’mod effettiv u r-rwol tiegħu lejn ekonomija ċirkolari.
L-ECOHIVE Academy hija miftuħa mit-Tlieta sal-Ħadd, mid-9 am sal-4 pm. Id-dħul huwa b’xejn. Għal aktar informazzjoni żur hawn.