WasteServ tħabbar is-suċċess tal-kampanja edukattiva ‘Separate Right Make Our Future Bright’.
Fi Frar ta’ 2021, eżerċizzju industrijali żvela kif madwar 35 fil-mija tal-iskart riċiklabbli kollu li jasal fil-faċilitajiet tal-WasteServ kien filfatt skart li ma setax jiġi riċiklat u li qatt ma kellu jintrema fil-borża tar-riċiklaġġ. Sa Frar 2022, din iċ-ċifra tnaqqset għal madwar 25% u wasslet lill-WasteServ biex tniedi kampanja edukattiva qasira iżda intensiva biex tkompli tibni fuq dan il-momentum pożittiv.
Il-kampanja kienet ta’ suċċess kbir u wasslet għal aktar tnaqqis f’perjodu qasir għal ftit inqas minn 20 fil-mija. Dan ifisser li fi ftit aktar minn sena l-kwalità tal-borża tar-riċiklaġġ tjiebet bi 42 fil-mija. Dan it-tnaqqis fl-ammont ta’ skart li ma jistax jiġi riċiklat jew ‘rejects’ huwa ekwivalenti għall-piż t’ aktar minn 270 karozza tal-linja.
Dan it-titjib, flimkien max-xogħol imprezzabli li ta’ kuljum jagħmlu l-ħaddiema tal-WasteServ biex jipproċessaw l-iskart riċiklabbli għandu jippermetti lill-WasteServ biex saħansitra taqbeż iċ-ċifri rekord li nkisbu fl-2021.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli rringrazzjat lil dawk kollha involuti fis-settur għal din il-kisba notevoli kif ukoll lill-pubbliku li għaraf li l-iskart huwa riżorsa. Il-Ministru Dalli qalet li dawn il-figuri se jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-pajjiż u huma riżultat tal-mod pożittiv lejn kif qed nħarsu lejn l-iskart. Il-Ministru ħeġġet lill-pubbliku ġenerali biex ikompli jżid l-isforzi tiegħu fis-separazzjoni tal-iskart għax dan jissarraf f’futur aħjar għal uliedna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca filwaqt li laqa’ t-titjib sostanzjali reġistrat, li huwa estremament inkoraġġanti, wissa li għad hemm bżonn ta’ ħafna aktar xogħol mill-partijiet interessati kollha sabiex Malta tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea għas-settur, iżda nnota li kisba bħal din timla l-Kumpanija b’ iktar motivazzjoni biex timplimenta l-bidliet meħtieġa biex titkompla din it-tranżizzjoni.
WasteServ bħalissa għaddejja bl-akbar investiment infrastrutturali li qatt sar fl-immaniġġjar tal-iskart ta’ nofs biljun ewro, iżda biex dan l-investiment jitwettaq bis-sħiħ għad hemm bżonn ta’ bidla kulturali fil-pajjiz li tagħti prijorità t-tnaqqis tal-iskart u tad-dipendenza għolja fuq il-miżbliet.
Għal aktar informazzjoni dwar kif għandek tissepara l-iskart sew tista’ żur din il-paġna.