Maltese Language   English Language
Proġett fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera: aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni għall-familji

Proġett fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera: aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni għall-familji

 Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar proġett ġdid ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien Romeo Romano, li permezz tiegħu se jinfetaħ parti mill-ġnien li bħalissa jinsab magħluq għall-pubbliku.  

Il-Ministru spjega li dan il-proġett multimiljunarju u multifunzjonali se jagħti lura spazju miftuħ f’Santa Venera filwaqt li jindirizza l-bżonn għal pulmun aħdar f’lokalità urbanizzata.   

Il-proġett, li l-ewwel fażi tiegħu se ssir permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro, se jkun qed jikkonsisti fi playground magħmul minn materjali naturali bħall-injam; ġnien iddedikat għal attivitajiet ta’ ġardinaġġ għat-tfal; manutenzjoni fuq il-ħitan u karatteristiċi storiċi oħra bħas-sienja, il-ġibjun tal-ilma tax-xita u s-sistema ta’ irrigazzjoni bl-użu ta’ kanali għall-ilma li tmur lura għas-seklu dsatax.    

Il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett se jkun qed itejjeb is-saħħa u l-benesseri tar-residenti u tal-pubbliku ġenerali hekk kif se jkun qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar billi jipprovdi ambjent sigur u trankwill biex jitgawda mill-familji Maltin. Spjega li l-proġett hu eżempju kif għandhom isiru proġetti simili fejn jiġi minimizzat jew evitat il-bżonn li jintuża plastik u konkos, permezz ta’ bandli tal-injam bħala parti minn kunċett ġdid. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li l-GreenServ, li se tkun qed timplimenta dan il-proġett, se tkun qed tiżgura li x-xogħlijiet kollha jkunu kompatibbli mas-sit u jirrispettaw il-valuri storiċi u kulturali ta’ dan il-ġnien kif ukoll l-ambjent.    

It-tieni fażi ta’ dan il-proġett se tinvolvi r-restawr ta’ binja storika, illum abbandunata, biex isservi ta’ kitchen garden, simili għal dak li wieħed isib fil-ġonna ta’ San Anton. GreenServ se tkun qed timplimenta dan il-proġett flimkien ma’ diversi oħrajn li l-iskop aħħari tagħhom se jkun it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies billi jiżdied element ta’ tħaddir fuq livell ġdid madwar żoni b’karatteristiċi urbani.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200