WasteServ tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha biex tiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati kollha tagħha bit-tnedija ta’ programm ġdid li joffri appoġġ lill-impjegati tagħha.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li b’kollaborazzjoni ma’ Caritas Malta, WasteServ se tkun qed toffri lill-impjegati tagħha servizzi ta’ counselling u informazzjoni oħra speċjalizzata b’xejn.
Il-WasteServ tħaddem mat-800 ħaddiem li ġejjin minn strati soċjali differenti u għalhekk inħasset il-ħtieġa li titwaqqaf sezzjoni ġdida fi ħdan il-kumpanija li se tkun qed toffri appoġġ lil dawk il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw sfidi relatati max-xogħol jew fuq livell personali.
Il-ftehim, li ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca u Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, għandu l-għan li joħloq attitudni pożittiva lejn il-benesseri mentali tal-impjegati kollha tal-WasteServ.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dawn il-ħaddiema jagħtu servizz vitali mhux biss lill-WasteServ, iżda lil pajjiżna, u għalhekk huwa importanti li nissalvagwardjaw is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tagħhom. Huwa qal li s-sena li għaddiet kienet ta’ sfida kbira għal kulħadd u għalhekk huwa importanti li nkunu proattivi u nipprovdu appoġġ emozzjonali u prattiku lill-impjegati tagħna.
Iċ-Chairperson ta’ WasteServ Frank Bezzina spjega kif dawn l-impjegati huma s-sinsla ta’ din il-kumpanija, u li permezz ta’ din l-inizjattiva se tkun qed tingħata għajnuna speċjalizzata u professjonali lill-ħaddiema kollha ta’ WasteServ li għal xi raġuni jew oħra jkunu għaddejjin minn sfidi personali, soċjali, familjari, jew fuq il-post tax-xogħol.
Din l-inizjattiva tagħmel parti minn diversi inizjattivi oħra mmirati lejn l-impjegati biex joffru l-appoġġ neċessarju. Waħda min dawn l-inizjattivi tinkludi pjattaforma ġdida ta’ taħriġ u żvilupp professjonali li tnediet is-sena li għaddiet.