WasteServ illum ħarġet sejħa għall-offerti b’valur ta’ madwar €125 miljun sabiex jintagħżel
kuntrattur li se jipprovdi s-servizzi ta’ labour hire għad-900 ħaddiem tagħha. Dan jinkludi l-ħlas tas-salarji, allowances u bonuses.
Il-kuntratt, li jinkludi wkoll il-miżata tal-kuntrattur, se jingħata permezz ta’ proċess kompetittiv.
Għalkemm is-sejħa għall-offerti ġiet iffinalizzata fil-bidu tal-2025, il-proċess kien sospiż
sakemm ingħatat direzzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi.
Dan id-dipartiment kien qed iwettaq eżerċizzju biex jiżgura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għal
xogħol ugwali jiġi applikat b’mod konsistenti fis-settur pubbliku.
Sakemm tiġi konkluża s-sejħa għall-offerti, WasteServ se tidħol fi ftehim temporanju mal-kuntrattur eżistenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Dan se jiżgura li l-impjegati
jkomplu jirċievu s-salarji tagħhom, filwaqt li x-xogħol kritiku tal-immaniġġjar tal-iskart fuq livell
nazzjonali jkompli mingħajr xkiel.
Dan il-ftehim temporanju, b’valur ta’ €57.3 miljun, se jibqa’ fis-seħħ għal massimu ta’ 18-il
xahar, u jintemm ladarba jiġi konkluż il-proċess kompetittiv tas-sejħa u jingħata kuntratt ġdid.