Maltese Language   English Language
Minn żona ta’ żvilupp għal ġnien pubbliku – inawgurat Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta

Minn żona ta’ żvilupp għal ġnien pubbliku – inawgurat Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta

Spazju miftuħ ta' 4,000 metru kwadru b'materjal sostenibbli għat-tgawdija ta' kulħadd   

Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, spazju ta' 4,000 metru kwadru li ngħata lura lill-pubbliku, ġie uffiċjalment inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.   

Dan l-ispazju ġie mibdul fi ġnien għall-familji Mostin u r-residenti tal-madwar permezz tal-ħidma li saret minn GreenServ, bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF).    

B'investiment ta' miljun ewro, Ġnien Victor Calvagna huwa proġett ta' tħaddir fl-urban li se jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. L-ispazju huwa aċċessibbli għal kulħadd u jista' jospita attivitajiet komunitarji differenti.   

Dan il-proġett iħares il-prinċipji tas-sostenibbiltà fejn ġie assigurat li l-materjal użat huwa sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fost oħrajn ġew installati pannelli solari u intuża materjal riċiklat. Id-disinn tal-ġnien huwa mibni madwar is-siġar taż-żebbuġ eżistenti u nħolqu passaġġi magħmula minn materjal naturali.   

“Aktar residenti, aktar komunitajiet qed ifittxu spazji ħodor u miftuħa fil-lokalitajiet tagħhom. Huwa l-impenn ta' dan il-gvern li fis-seba' snin li ġejjin ninvestu fi proġetti li jsebbħu l-lokalitajiet u li joffru spazju rikreattiv għal kulħadd. Qed inżidu l-attenzjoni għall-proġetti li huma ambjentalment sostenibbli, fid-disinn tagħhom," spjegat il-Ministru Miriam Dalli.   

“Rajna li s-sostenibbilità tkun il-qafas ta' dan il-proġett, b'passaġġi magħmula minn materjali naturali li jdur mas-siġar fejn imbagħad tpoġġew numru ta' bankijiet. It-tagħmir kollu tal-ġnien hu magħmul minn injam li ġej minn foresti sostenibbli filwaqt li l-art fiż-żona tal-bandli u d-decking ġew magħmula minn materjal riċiklat," qal Richard Bilocca, il-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ.   

Il-Kap Eżekuttiv ta' NDSF Raymond Ellul qal li x-xogħol li sar fi Ġnien Victor Calvagna huwa parti minn sensiela ta' investimenti tal-fond f'proġetti ta' tħaddir urban madwar il-pajjiż, b'investiment totali ta' €4.5 miljun. Spjega kif l-NDSF qiegħed jaħdem sabiex itejjeb l-andament soċjali u l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet. “Proġetti bħal dawn huma importanti għall-ġid tas-saħħa fiżika u mentali tar-residenti li jgħixu fi bliet urbani," qal is-Sur Ellul.   

Fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Mosta Girl Guides u l-Mosta Scouts li spjegaw kif dan il-proġett se jkun ta' benefiċċju għalihom. Attendew ukoll il-familjari ta' Dr. Victor Calvagna li għalih ġie msemmi dan il-ġnien.​ 

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200