Maltese Language   English Language
Il-Prestazzjoni ta’ Malta fir-Riċiklaġġ – Titjib sinifikanti

Il-Prestazzjoni ta’ Malta fir-Riċiklaġġ – Titjib sinifikanti

WasteServ tieħu nota tar-rapport ppublikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li ta’ stampa tas-sitwazzjoni fis-settur tar-riċiklaġġ – b’enfasi partikolari fuq il-plastik – għas-sena 2019.   

Ir-rapport jinkludi numru ta’ rakkomandazzjonijet fosthom l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (polluter pays principle), il-bżonn ta’ investiment strateġiku u r-razzjonalizzazzjoni  tal-ftehim dwar l-iskart mill-imballaġġ, li kollha huma inklużi fil-Pjan fit-Tul għall-Immaniġjar tal-Iskart (2021-2030).   

Minn meta seħħew in-nirien fl-impjant tar-riċiklaġġ f’Sant’Antnin, il-performance tar-riċiklaġġ ta’ Malta ġiet affetwata drastikament. Din it-trend negattiva issa ġiet imdawwra b’suċċess.   

Dak imsemmi fir-rapport tal-NAO kien diġà magħruf sew qabel ma’ sar dan l-eżerċizzju ta’ verifika li  ppermettielna sabiex nkunu proattivi. WasteServ tista’ tikkonferma li diġà bdiet timplimenta numru konsiderevoli ta’ rakkomandazzjonijiet imressqa mill-NAO.   

Ir-riżultati diġà qed jissarfu hekk kif fil-fatt, għalkemm kien hemm ċertu xkiel ikkawżat mill-pandemija tal-COVID, il-figuri ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bejgħ ta’ prodotti riċiklabbli fl-2020 żdied b’78% meta kkumparat mal-istess perjodu għas-sena 2019.   

Dan huwa wieħed mill-bosta titjib li se jippermetti lil Malta tersaq viċin l-obligazzjonijiet lokali u internazzjonali tagħha.     

L-ewwel ġimgħat tal-2021 kienu ferm iktar pożittivi hekk kif innutajna titjib esponenzjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ material recovery. Fejn jidħol plastik, li huwa ukoll is-suġġett tar-rapport tal-NAO, l-impjanti tagħna rnexxielhom jiproċessaw medja ta’ erba’ tunnellati kuljum, figura li qed tkompli titjib ma’ kull ġimgħa li tgħaddi. Dan huwa madwar tlett darbiet għola mill-performance diġà mtejjba għas-sena 2020.   

L-istrateġija olistika tagħna tmur lil’hinn minn dan. Fil-fatt, f’Jannar li għadda ħabbarna investiment ta’ €2 miljun li se jkompli jgħin biex dawn il-figuri jkomplu jitjiebu. Dan il-proġett se jsir permezz ta’ fondi Ewropej u se jkun qed jaħdem sal-aħħar tas-sena 2021.     

Apparti minn hekk, l-istrateġija ECOHIVE tinvolvi l-ikbar investiment fis-settur tal-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna ta’ €500 miljun, se tinkludi ukoll Material Recovery Facility bi standards state-of-the-art, li se jippermetti lil Malta biex tilħaq il-miri tar-riċiklaġġ tagħha.   

Ir-rapport tal-NAO wera wkoll il-bżonn li jkun hemm qafas politiku ċar, u l-WasteServ bi pjaċir tinnota li l-ewwel abbozz għall-Pjan għall-Immaniġjar tal-Iskart (2021-2030) maħruġ mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, jinkludi ukoll il-proviżjonijiet neċessarji, inkluż il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dan, flimkien ma’ għadd ta’ inċentivi u miżuri oħra, huwa mmirat li jwettaq it-tibdil neċessarju biex l-isforzi tal-pubbliku fejn jidħol riċiklaġġ jirdoppja fis-snin li ġejjin. Dan il-pjan jinkludi wkoll miżuri importanti għall-operaturi kummerċjali li s’issa ma kinux koperti mill-proviżjonijiet obbligatorji neċessarji.   

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif il-kumpanija hija konxja tas-sitwazzjoni u qed taħdem kontinwament biex ittejjeb il-performance ta’ Malta u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dawn l-isforzi diġà qed jissarfu f’riżultati tajbin ħafna, b’żieda ta’ 78% fl-2020 u titjib ta’ tlett darbiet oħra fl-ewwel ġimgħat tal-2021.    

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200